• Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) hija mħassba ħafna dwar il-kumpless propost ta’ shooting ranges fuq medda ta’ madwar 70 tomna art li tinkludi art agrikola fil-Busbesija, il-Mosta.

    L-art li tinsab f’żona ’l barra miż-żoni tal-iżvilupp (ODŻ) hija art ta’ high landscape value kif imfissra fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta. L-opinjoni tal-KA hija li l-użu ta’ din l-art għall-proġett propost se jħalli effett negattiv sostanzjali fuq il-kampanja Maltija.

    Il-proċess li tingħata art tal-Gvern u l-proġett tax-shooting ranges 

    Fl-2013 il-Gvern kien ħareġ Sejħa għall-Espresssjoni ta’ Interess għall-konservazzjoni u

    l-immaniġġar ta’ art fil-Busbesija għal 45 sena. L-art tinkludi prinċipalment tined militari li kienu jintużaw fit-Tieni Gwerra Dinjija.  F’April ta’ din is-sena, il-Gvern ħabbar li wara li saret Sejħa għall-Proposti kien se jagħti din l-art lill-kumpanija U-Group Ltd “li qed tippjana li tiżviluppa shooting range”.[1] Dan il-fatt iħawwadna. L-informazzjoni pubblika dwar dan il-proġett tidher li turi li t-tined se jintużaw għal faċilitajiet li huma anċillari għal shooting range. Allura l-art li l-Gvern u l-U-Group qed jinnegożjaw bħalissa ma tistax tinkorpora x-shooting range fiha nnifisha imma l-faċilitajiet anċillari ġħax-shooting range. Iż-żona li jkopru t-tined militari hija ta’ madwar 5,000 metru kwadru filwaqt li l-kumpless kollu tax-shooting ranges flimkien mat-tined ikopri żona ta’ 70,000 metru kwadru, jiġifieri 14-il darba iktar miż-żona li jkopru t-tined.

    F’dan l-istadju wieħed għandu jsaqsi: Hemm xi tip ta’ obbligazzjoni li jingħata l-permess għall-iżvilupp tal-proġett tax-shooting ranges li ilu jkun reklamat fuq il-websajt ta’ l-iżviluppaturi tal-inqas għal dawn l-aħħar xhur? It-trasferiment tat-tined għall-użu li huwa anċillari għax-shooting ranges ifisser illi z-zona tal-madwar issa tiġi “kommessa” u allura l-MEPA tħossha obbligata u tagħti l-permess tal-iżvilupp għall-kumpless tax-shooting ranges? Dan il-kumpless tax-shooting ranges jeħtieġ iktar art pubblika minn dik li diġa ħarġet sejħa għaliha fis-Sejħa għall-Espressjoni ta’ Interess u s-Sejħa għall-Proposti?

    Wegħdiet u rbit li jsir mill-partiti politiċi

    F’Diċembru 2014 is-Segretarju Parlamentari għall-Isport kien ikkwotat [2] li qal li l-bini ta’ shooting range ġdida kienet waħda mill-wegħdiet elettorali tal-Gvern u l-Gvern kien marbut li jlesti dan il-proġett fis-sentejn li ġejjin. Hu kien qal li kienu ġew identifikati żewġ siti potenzjali imma deċiżjoni finali kienet għadha ma tteħditx.

    Il-KA hija kontra wegħdiet u rbit li jsiru mill-partiti politiċi kemm fl-Oppożizzjoni u kemm fil-Gvern meta dawn il-wegħdiet u rbit iridu l-ewwel jiġu studjati bir-reqqa għall-impatti tagħhom fuq l-ambjent u l-użu tal-art. Wara li jsiru dawn l-istudji biss jista’ wieħed li għandu awtorità jieħu deċiżjoni infurmata u raġunata. Dan japplika speċjalment f’każijiet fejn il-wegħdiet u rbit li jsiru ikunu jirreferu għal żoni speċifiċi. 

    Wegħdiet u rbit bħal dawn imorru assolutament kontra proċess serju ta’ ippjanar. F’kull proġett ta’ ċertu daqs u li jista’ jkollu impatti partikolari, għandu jsir proċess bil-għaqal, serju u trasparenti ta’ għażla tas-sit li jikkunsidra l-limitażżjonijiet ambjentali u l-impatt fuq in-nies. L-għażla tas-sit għandha ssir fil-kuntest tal-liġijiet kollha ambjentali u tal-ippjanar li jinkludu konsultazzjoni pubblika li tixirqilha l-isem.  L-għoti ta’ art pubblika lil individwi jew entitajiet għandu jsir b’mod trasparenti għall-aħħar għax dan għandu effett fuq kif ikun immaniġġjat tajjeb l-ambjent. L-art pubblika hija tal-pajjiż kollu u l-użu tagħha m’għandux ikun kompromess b’wegħdiet u rbit mhux f’posthom.

    Proġett nazzjonali

    Il-kumpless propost ta’ shooting ranges qed ikun ippjanat li jsir viċin id-Dar tal-Irtiri Mount St Joseph. Il-kumpless qed ikun promoss mill-partijiet interessati bħala proġett nazzjonali.  Iżda x’jagħmel proġett wieħed “nazzjonali” jew “ta’ interess nazzjonali”? Id-Dar tal-Irtiri ta’ Mount St Joseph mhijiex fiha nnifisha proġett nazzonali stabbilit sew? Għal dawn l-aħħar 50 sena, id-dar tal-irtiri, flimkien mal-ġonna u l-ambjent naturali, ipprovdiet ambjent fejn nies minn kull klassi soċjali, jemmnu f’Alla jew le, jistgħu isibu spazju u ħin biex jirriflettu fuq ħajjithom. Jewwilla post li jżuruh 10,000 ruħ fis-sena għal dan l-iskop mhuwiex rilevanti għal min ifassal policy?

    Mount St Joseph toffri servizz soċjali li huwa bżonnjuż ħafna u toffrih lil kulħadd. Mhuwiex servizz li tipprovdih lill-Ġiżwiti. Huwa servizz li l-Ġiżwiti joffru lill-Maltin kollha. Hija tipprovdi mumenti u ġranet ta’ silenzju lil kull min jixtieq jagħmel esperjenza ta’ skiet.  Is-servizz jiġi provdut b’mod li jaffordjah kulħadd tant li l-Provinċja tal-Ġiżwiti trid issostnih finanzjarjament. Barra minn dan, il-benefiċċji lis-soċjetà Maltija in ġenerali qatt ma jista’ jiġi kwantifikat f’termini finanzjarji.

    Il-KA temmen bis-sħiħ li l-kumpless tax-shooting ranges tant viċin dar tal-irtiri ma jistax ma jkollux impatt negattiv fuq post bħal dan. Il-paċi u t-trankwillità li l-ambjent tad-dar tal-irtiri joffri lill-pubbliku Malti jixraqlu li jkun protett. Dan m’għandux isir f’ġieħ il-Ġiżwiti imma f’ġieħ il-poplu Malti. Postijiet f’Malta bħall-ambjent ta’ Mount St Josepħ huma rari ħafna u għandhom ikunu protetti.

    Ir-residenti tal-madwar

    Minbarra l-impatti negattivi li proġett bħal dan jista’ jkollu fuq l-eluf ta’ nies li jagħmlu użu mis-servizzi tad-dar tal-irtiri, wieħed għandu żgur jikkunsidra l-impatt li proġett bħal dan jista’ jkollu kuljum fuq

    in-nies li joqogħdu fl-inħawi tal-Busbesija u ż-Żokrija fil-Mosta. Xi wħud minn dawn ir-residenti jgħixu tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mis-sit propost għall-kumpless tax-shooting ranges.

    Jidher illi min qed jippromwovi l-proġett mhuwiex f’pożizzjoni li jipprovdi garanzija lir-residenti

    tal-madwar li mhux se jkunu affettwati b’mod negattiv mill-proġett. Għalhekk il-gvern u l-MEPA għandhom jadottaw il-prinċipju tal-kawtela. Dan ifisser illi fejn m’hemmx ċertezza ta’ veru pprovduta mill-iżviluppaturi li mhux se jkun hemm impatti negattivi minn żvilupp, allura min għandu s-setgħa jiddeċiedi għandu jkun kawt u ma japprovax l-iżvilupp propost.

    Proġetti tal-isports li għandhom impatt qawwi f’pajjiż b’densità għolja ta’ popolazzjoni

    Kultant l-użu tal-art f’Malta jkun trattat f’mod li jassumi li Malta hija wieħed mill-pajjiżi li għandhom

    l-inqas densità ta’ popolazzjoni fid-dinja. Il-fatti juru xorta oħra. B’popolazzjoni ta’ 1562 persuna kull kilometru kwadru, Malta hija kkunsidrata bħala wieħed mill-pajjiżi li għandhom l-ogħla densità ta’ popolazzjoni fid-dinja. Dan il-fatt jenfasizza l-importanza li wieħed jadotta proċess rigoruż ta’ ippjanar f’qafas strateġiku li jixraq lil ismu. F’dan il-kuntest, l-approvazzjoni min-naħa tal-Parlament tal-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) m’għandiex tiġi mgħaġġla. Bħalma kienet qalet il-KA s-sena l-oħra, l-iSPED “huwa ‘l bogħod ħafna mill-Pjan ta’ Struttura ta’ l-1990”[3]. L-iSPED huwa sostituzzjoni bażwija għall-Pjan ta’ Struttura u għandu jkun miktub mill-ġdid. Il-verżjoni kurrenti tal-iSPED se jkollħa impatt negattiv fuq il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

    Mill-aspett strateġiku, il-kunċett ta’ faċilitajiet tal-isports li għandhom impatt qawwi fuq l-art u

    l-ambjent, bħall-kumpless propost tax-shooting range, għandhom jiġu studjati bir-reqqa jekk għandhomx, bħala prinċipju, jkunu aċċettabbli f’pajjiżi żgħar bħal Malta. Is-sena l-oħra, fuq talba tal-Gvern, il-MEPA bdiet proċess biex tfassal policy dwar ix-shooting ranges. Il-MEPA kienet ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika l-oġġettivi ta’ din il-policy. Hija ħaġa stramba li ma saret l-ebda riferenza għall-policy ta’ shooting ranges li l-MEPA kienet fasslet u approvat fl-2006 u li sal-lum kienet għadha mhijiex approvata mill-Gvern.      

    Użu aħjar u titjib tax-shooting ranges eżistenti f’Malta u Ġħawdex

    Il-KA tistieden lil min qed jipproponi li jsir kumpless ta’ shooting ranges fil-Busbesija biex jaġħmel eżerċizzju dwar kif ix-shooting ranges eżistenti mifruxa ma’ Malta u Għawdex jistgħu jiġu mtejba biex jakkommodaw individwalment il-komponenti differenti tal-kumpless li qed jiġi propost. B’dan il-mod, l-ebda art oħra li qiegħda barra mill-konfini tal-iżvilupp ma tkun sagrifikata għal dan l-isport partikolari. Li wieħed ikollu il-faċilitajiet kollha f’post wieħed minħabba li se jista’ jkun hemm kompetizzjoni fl-2017 mhijiex raġuni tajba biżżejjed.

    Normalment, organizzaturi ta’ avvenimenti internazzjonali jaraw li dawn l-avvenimenti jsiru f’postijiet differenti sabiex il-benefiċċji ekonomiċi jkunu mferrxa u massimizzati fuq diversi lokalitajiet. Jekk ħaġa bħal din hija prattikata f’pajjiżi ikbar, għaliex m’għandhiex tkun f’Malta wkoll? Barra minn hekk, it-titjib fix-shooting ranges eżistenti, minflok kumpless ġdid ta’ shooting ranges, ħija soluzzjoni li hija ħafna iktar sostenibbli b’benefiċċji ċari ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

    Il-KA tikkunsidra dan l-eżerċiżżju bħala wieħed indispensabbli qabel ma tingħata l-art mill-Gvern fil-Busbesija għall-faċilitajiet anċillari għall-kumpless tax-shooting ranges. Barra minn hekk, il-MEPA għandha wkoll tesiġi li jsir dan l-eżerċizzju meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-kumpless tax-shooting ranges (fuq art privata) u l-faċilitajiet anċillari (fuq art tal-Ġvern) għall-kumpless.

    Użu aħjar għat-tined fil-Busbesija

    Il-KA tissuġġerixxi li qabel ma joħorġu Sejħiet għal Espressjoni ta’ Interess għal art tal-Istat, il-Ġvern għandu jagħmel konsultazzjoni pubblika dwar l-aħjar użu xieraq ta’ dik il-proprjetà. Dan japplika b’mod partikulari fil-każijiet ta’ siti li ma jkunux diġà ġew identifikati għal użu speċifiku fil-pjan lokali rispettiv li jkun għadda mil-fażijiet ta’ konsultazzjoni pubblika.  Dwar it-tined fil-Busbesija, jista’ jkun hemm idejat differenti dwar x’għandu jsir minnhom. Idea waħda tista’ tkun li jinbidlu f’ċentru ta’ kreattività għat-tfal. Proċess trasparenti ta’ konsultazzjoni pubblika jista’ joffri idejat li jistgħu jiġu kkunsidrati u li ma jkunux ispirati biss minn interessi kummerċjali. Wara l-għażla tal-aħjar idea għall-użu tas-sit pubbliku jistgħu jiġu mistħarrġa s-sorsi ta’ fondi għall-proġett, inkluż l-użu ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea.

    Li nattiraw investiment barrani hija intrapriża ta’ min ifaħħarha iżda anke għandna nkunu konxji tal-prezz li kultant ikollna nħallsu biex nattiraw dan l-investiment. Fl-isfond taċ-ċelebrazzjonijiet li fihom fakkarna l-50 anniversarju minn meta Malta kisbet l-Indipendenza, l-40 sena minn meta Malta saret Repubblika, il-35 sena minn Jum il-Ħelsien u l-10 sena minn meta Malta saret Membru tal-UE, għandna nkunu iktar attenti meta nkunu qed naċċettaw ftehim li jkollhom tendenza li jkunu neo-fewdalistiċi jew neo-kolonjali fin-natura tagħhom. L-ispażju tal-art f’Malta huwa limitat u aħna (jiġifieri dawk li jgħixu f’dan il-pajjiż) – mhux l-investitur barrani – għandu jiddetermina fejn u kemm għandna niddedikaw minn dan l-ispażju għall-investiment. Li npoġġu l-ġid komuni tal-pajjiż bħala priorità minn ta’ fuq nett ifisser illi kultant niċċaħħdu minn ftehim li jissarraf f’ħafna flus u li jkollu benefiċċji fi żmien qasir imma li jkollu effetti negattivi għal ħafna żmien wara.   

    Il-Gvern għadu fil-ħin biex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li jagħti t-tined fil-Busbesija għal faċilitajiet anċillari għall-kumpless ta’ shooting ranges. Huwa għadu fil-ħin ukoll li jerġa’ jaħsibha dwar is-sapport tiegħu għall-iżvilupp propost ta’ kumpless ta’ shooting ranges f’din iż-żona. Deċiżjonijiet għaqlin li jittieħdu issa se jgħinu biex jevitaw impatt irreversibbli fuq il-kampanja iktar ‘il quddiem. Il-qawl Malti “aħjar uff milli aħħ” huwa adattat ħafna għal ħsieb mill-ġdid dwar il-proġett propost.


    [1] The Malta Independent, 16th April 2015
    [2] The Times of Malta, 12th December 2014. Fl-istess artiklu kien issemma li l-proġett irid ikun lest biex jospita kompetizzjoni tal-isparar li għandha ssir fl-2017 li għaliha mistennija li jieħdu sehem 3400 tiratur. L-artiklu semma’ wkoll li

    l-proġett jippromovi lil Malta bhala destinazzjoni futura għat-taħriġ ta’ tiraturi minn iktar minn 130 pajjiż. 

    [3] SPED – A Far Cry from the 1990 Structure Plan. Stqarrija għall-istampa maħruġa fl-24 ta’ Ġunju 2014 bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar l-iSPED.